Dettalji tal-entità u tal-kuntatt
Dettalji tal-punti ta’ azzjoni
Kull entità tal-Knisja għandha tidħol fi proċess sistematiku ta’ evalwazzjoni tal-identità tagħha, tal-istrutturi ta’ dixxerniment, tmexxija u eżekuzzjoni, kif ukoll tal-inizjattivi u l-operat tagħha.
Ara iżjed fil-paġna AZZJONI.Il-membri tal-Knisja, b’mod partikolari l-operaturi pastorali, għandhom jidħlu fi proċess serju u kontinwu ta’ formazzjoni teoloġika, pastorali u spiritwali.
Ara iżjed fil-paġna AZZJONI.Għandha tissaħħaħ il-komunjoni interna bejn l-entitajiet u l-uffiċċji pastorali tal-Kurja, sabiex tiġi ffaċilitata aktar il-ħidma flimkien u kollaborattiva bejniethom.
L-uffiċċji fi ħdan il-Kurja għandhom, fejn hu possibbli, jinvolvu aktar il-parteċipazzjoni ta’ membri minn komunitajiet u entitajiet oħra tal-Knisja, b’mod speċjali fl-ippjanar u fl-eżekuzzjoni ta’ inizjattivi pastorali.
Għandha tissaħħaħ l-attitudni sinodali permezz tat-tkomplija ta’ proċessi ta’ ristrutturar u ta’ laqgħat regolari fi ħdan u bejn l-uffiċċji, sabiex l-inizjattivi jittieħdu f’komunjoni u jitwettqu fil-ħin meħtieġ.
Għandu jsir proċess ta’ identifikazzjoni ta’ oqsma fejn hemm iktar bżonn ta’ kura pastorali, b’mod partikolari bi preparazzjoni għas-Sinodu Djoċesan.
Għandu jitwaqqaf kumitat li jgħin lill-impjegati u lill-voluntiera jagħrfu dejjem aktar li l-ħidma tagħhom hija sejħa minn Alla biex jaqdu lill-poplu tiegħu permezz tal-ministeru tal-Knisja.
Għandu jitkompla l-proċess ta’ twaqqif ta’ Uffiċċju għall-Voluntiera, bil-għan li jissaħħu l-parteċipazzjoni u l-komunjoni fil-Knisja.
Għandu jitwaqqaf uffiċċju li jkollu fir-responsabbiltà tiegħu l-promozzjoni u s-sostenn tal-parteċipazzjoni attiva tal-lajċi fid-dinja sekulari, fid-dawl ta’ Lumen Gentium 31, kif ukoll il-pastorali tal-familja.
Għandha tiġi magħmula aktar pubblika u aċċessibbli l-organigramma tal-Arċidjoċesi sabiex ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-uffiċċji u tal-entitajiet ikunu ċari ma kulħadd.
Għandu jsir pubbliku kalendarju ta’ attivitajiet u inizjattivi djoċesani.
Għandhom jiġu stabbiliti proċessi kontinwi ta’ konsultazzjoni formali u informali li jippermettu ġbir rapidu tal-opinjoni tal-membri tal-Knisja.
Għandu jissaħħaħ aktar b’mod strutturat l-żviluppar, l-użu u d-disponibbiltà ta’ studji professjonali u riċerka xjentifika fil-ħidma pastorali tal-Knisja, b’mod partikulari permezz tal-utilizzazzjoni tar-riżorsi tad-Discern. Għandha tiġi promossa wkoll b’mod aktar sistematiku u aċċessibbli l-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-istudji u r-riċerka mwettqa mill-Istitut tar-Riċerka tal-Arċidjoċesi, il-Fakultà tat-Teoloġija u entitajiet oħra li jagħmlu riċerka xjentifika, sabiex dawn ikunu ta’ għajnuna konkreta fid-dixxerniment u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pastorali.
Għandhom jitkomplew il-laqgħat regolari tal-Isqfijiet u tal-Vigarju Episkopali tal-Kleru mal-membri tal-kleru, sabiex tissaħħaħ il-kommunjoni u jiġu mħeġġa spazji ta’ smigħ, djalogu u dixxerniment.
Għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet fraterni fost u bejn il-kleru djoċesan u reliġjuż permezz ta’ aktar inizjattivi spiritwali konġunti, mumenti ta’ talb, u opportunitajiet ta’ komunikazzjoni li jrawmu sens ta’ fraternità u sostenn reċiproku.
Għandu jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-kleru, sabiex il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni jkunu aktar informati bir-realtajiet pastorali u ministerjali konkreti.
Għandha tingħata formazzjoni kontinwa spiritwali, teoloġika, pastorali u umana lill-membri tal-kleru, sabiex ikunu mħejjija jiffaċċjaw il-bidliet fil-kultura u fil-ministeru pastorali li huma msejħin iwettqu, u biex jaqdu s-servizz tagħhom b’kompetenza u fedeltà.
Għandha tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-ordnijiet u l-kongregazzjonijiet differenti, kif ukoll il-kollaborazzjoni tagħhom mal-Arċidjoċesi, sabiex jiġi promoss sens ta’ missjoni komuni fi ħdan il-Knisja.
Għandu jkun hemm djalogu mill-ewwel fażijiet ta’ ppjanar bejn l-Arċidjoċesi u l-ordnijiet jew il-kongregazzjonijiet f’każijiet fejn ikun qed jiġi kkunsidrat li jitwaqqaf jew jinbidel xi ministeru pastorali, sabiex jiġu evitati diffikultajiet u jiġi assigurat dixxerniment kondiviż.
Għandha tingħata attenzjoni akbar lill-ħajja komunitarja u lill-approfondiment tal-kariżma partikolari ta’ kull ordni jew kongregazzjoni, bħala sors ta’ identità u tiġdid spiritwali.
Għandu jissaħħaħ il-ministeru tal-akkumpanjament spiritwali, bħala kontribut partikolari tal-ħajja reliġjuża fil-ħajja tal-Knisja.
Għandha tiġi msaħħa x-xhieda tal-ħajja reliġjuża, li għandha tkun espressjoni konkreta ta’ għaqda fid-diversità, skont kif l-Ispirtu s-Santu jsejjaħ lill-Knisja.
Għandha tkompli tikber il-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet Djoċesan u l-inizjattivi vokazzjonali tal-ordnijiet u l-kongregazzjonijiet.et u l-kongregazzjonijiet.
Għandu jiġi promoss b’mod sistematiku mudell ta’ pastorali kollaborattiva bejn il-parroċċi b’mod speċjali dawk tal-viċinanza (unita pastorali), b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta’ riżorsi u vokazzjonijiet, sabiex jitħeġġu u jissaħħu l-attitudnijiet sinodali, primarjament il-komunjoni u l-kollaborazzjoni. Dan għandu jitwettaq wkoll permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-kappillan u it-timijiet li jassistu fit-tmexxija tal-parroċċi, u bejn parroċċi li jiffurmaw parti mill-istess unità pastorali.
Għandu jiġi assigurat li kull kappillan ikollu equip ta’ lajċi li jassistuh fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-viżjoni pastorali u amministrattiva. Dawn l-istrutturi, kienu tradizzjonalment magħrufa bħala Kunsill Pastorali Parrokkjali (KPP) u Kunsill Ekonomiku Pastorali (KEP). Dan għandu jwassal għal tmexxija u ħidma aktar parteċipattiva.
F’kollaborazzjoni mal-Fakultà tat-Teoloġija u l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), għandha tingħata importanza kbira lill-formazzjoni ta’ dawk kollha involuti fil-pastorali u fl-amministrazzjoni tal-parroċċa. Kull kappillan jew ragħaj pastorali għandu jagħraf il-ħtieġa li jinvesti fil-formazzjoni tal-operaturi pastorali biex dawn ikunu preparati tajjeb għall-ministeru tagħhom.
Għandhom jiżdiedu ż-żjarat fil-parroċċi mis-Segretarjat tal-Parroċċi flimkien ma’ uffiċċji djoċesani oħra, bil-għan li tinkiseb stampa aktar reali tal-ħidma pastorali u tal-proċeduri amministrattivi u biex, flimkien mat-tmexxija tal-parroċċa, jiġu identifikati u implimentati l-passi li jmiss.
Għandhom isiru laqgħat regolari bejn il-komunitajiet ta’ kattoliċi mhux Maltin u l-Arċidjoċesi ta’ Malta, sabiex jissaħħaħ il-koordinament, il-komunjoni u d-djalogu.
Għandha tinġabar informazzjoni dwar dawn il-komunitajiet u din għandha tkun aċċessibbli fuq il-pjattaformi tal-Arċidjoċesi għal dawk li jixtiequ jingħaqdu magħhom.
Għandu jitkompla l-proċess ta’ ħatra ta’ koordinaturi fuq livell djoċesan għal kull lingwa u rit, sabiex titħaddan aktar attitudni ta’ komunjoni u kollaborazzjoni bejn il-komunitajiet ta’ l-istess lingwa jew rit.
Għandu jissaħħaħ l-użu tal-lingwa Ingliża fil-pastorali, b’mod speċjali fil-parroċċi, sabiex jitjieb l-aċċess għall-kattoliċi mhux Maltin.
Għandha tiġi żviluppata u implimentata linja gwida (policy) li tgħin fl-integrazzjoni ta’ dawn il-komunitajiet fil-Knisja f’Malta, b’mod li huma jħossuhom parti integrali minnha u mhux sempliċiment tollerati, filwaqt li tiġi rispettata id-diversita tal-wirt kulturali, liturġiku u pastorali tagħhom. Dawn il-lingwi gwida għandhom jassistu lil dawn il-komunitajiet biex jiġu konformi mal-liġijiet u n-normi tal-istat u tal-Arċidjoċesi.
L-entitajiet tal-Knisja għandhom jagħmlu ħilithom biex is-servizzi offruti jkunu aċċessibbli kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin, u fejn hu possibbli jiġu offruti b’mod konġunt.
Għandha tinbena u tissaħħaħ komunjoni aktar profonda bejn il-movimenti ekkleżjali differenti, li minkejja d-diversità u l-identità speċifika ta’ kull wieħed minnhom, jiffurmaw parti minn Knisja waħda b’missjoni komuni.
Il-movimenti għandhom jinvestu b’mod aktar intenzjonat f’inizjattivi pastorali li jsaħħu l-motivazzjoni u l-involviment taż-żgħażagħ fi ħdanhom. Dan għandu jinkludi wkoll użu aktar effettiv, professjonali u strateġiku tal-midja soċjali bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni.
Bl-għajnuna tal-Fakultà tat-Teoloġija u tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), għandu jsir investiment sostanzjali fil-formazzjoni formali tal-membri, sabiex dawn ikunu mħejjija aħjar għall-parteċipazzjoni fil-missjoni tal-Knisja. Fl-istess ħin, il-membri tal-movimenti għandhom jiġu mħeġġa jinvestu wkoll f’formazzjoni informali, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi ta’ mentoring u akkumpanjament spiritwali, bi enfasi fuq il-kariżma tal-moviment, il-ħajja interjuri u t-talb.
Wieħed mill-aspetti l-iktar ċentrali li jiddistingwu d-djakonija fi ħdan il-Knisja hija l-kultura ta’ Sostenn (Culture of Care)li titħaddan internament fl-entitajiet tal-Knisja u anki fir-relazzjonijiet ma’ partijiet terzi. Din il-kultura li tħares lejn il-persuna b’mod aktar ħolistiku għandha tiġi imħarsa u tkompli titrawwem fl entitajiet.
Bl-għajnuna tal-Uffiċċju għall-Preżenza Diġitali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, għandha ssir kampanja komuni ta’ għarfien u sensibilizzazzjoni mill-Vigarjat għad-Djakonija, bil-parteċipazzjoni attiva tal-entitajiet kollha involuti fil-qasam tad-djakonija, bil-għan li tissaħħaħ identità komuni bbażata fuq il-kultura ta’ sostenn u li tfakkar kontinwament fil-missjoni essenzjali tal-Knisja li tkun preżenti għall-oħrajn.
Għandha tiġi promossa b’mod aktar ċar, konxju u strutturat Il-ħidma fil-qasam tad-djakonija bħala forma konkreta ta’ parteċipazzjoni fil-missjoni tal-Knisja, u mhux bħala attività sekondarja jew periferali.
Għandhom isiru laqgħat aktar regolari bejn dawk involuti fl-entitajiet tad-djakonija, sabiex permezz tal-qsim ta’ esperjenzi u riflessjonijiet tissaħħaħ il-motivazzjoni u il-perseveranza fil-qadi ta’ dan il-ministeru ċentrali fil-ħajja tal-Knisja.
Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex id-djakonija tkun integrata b’mod ċar u konkrett fil-programmi ta’ katekeżi tat-tfal, sabiex il-valuri ta’ servizz, solidarjetà u attenzjoni lejn l-oħrajn jitkabbru sa minn età bikrija.
Tissaħħaħ l-identità tal-iskejjel tal-Knisja bħala waħda Kristu ċentrika u għalhekk l-iskejjel għandhom isibu iktar opportunità għall-evanġelizazzjoni relevanti għaż-żmien tal-lum.
Jissaħħaħ l-aspett ħolistiku tal-formazzjoni mogħti lill-istaff, studenti u ġenituri li jkopri kemm il-ħiliet operattivi kif ukoll il-karisma tal-kongregazzjoni, imsaħħa fil-tagħlim Kattoliku.
Jitkompla l-bini ta’ mudell sostenibbli ta’ governanza fl-iskejjel tal-knisja li jwassal il-missjoni, il-viżjoni, il-kariżma u l-ethos tal-iskola minkejja tan-numru baxx ta’ vokazzjonijiet u sfidi oħra.
Għandu jitkompla jissaħħaħ l-impenn biex jiġu żviluppati u kkonsolidati chaplaincy teams fi ħdan dawn l-iskejjel, speċjalment f’dawk l-iskejjel indipendenti li jagħrfu l-fidi Kattolika bħala parti mill-ethos tagħhom.
Għandhom jissaħħu l-inizjattivi ta’ formazzjoni għal dawk kollha involuti f’dan il-qasam, inkluż is-saċerdoti.
Għandu jissaħħaħ l-impenn għal aktar komunjoni bejn l-uffiċċji differenti tal-Knisja li jaħdmu mat-tfal u ż-żgħażagħ, sabiex il-ħidma tkun aktar koordinata u sinerġika.
Għandha tissaħħaħ il-komunjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-operaturi pastorali fl-iskejjel u dawk fil-parroċċi tal-istess lokalità, sabiex il-parroċċa tipparteċipa aktar fil-pastorali tal-iskejjel u sabiex il-pastorali offruta tkun waħda koordinata u komplementari.